Nhar it-Tnejn fil-Parlament kellna mument ta’ għażla:- jew li nkunu fuq in-naħa tal-familji ħabrieka u tan-negozji jew li nkunu fuq in-naħa ta’ dawk li jridu jgħabbu lill-familji b’iktar piżijiet tal-inkompetenza tagħhom. Sħabi u jien għażilna li nkunu fuq in-naħa tal-familji ħabrieka u tan-negozji. L-appell tagħna lill-Prim Ministru kien biex ma jdawwarx dahru lejn in-nies. Il-Prim Ministru, iżda, ma tax kas.
Qabel l-elezzjoni l-istess Prim Ministru wiegħed sussidji u ‘surplus’. Iżda wara l-elezzjoni daħħal l-ogħla kontijiet u ġab l-ogħla defiċit ta’ kull żmien. Malta esperjenzat l-ogħla żidiet fl-Unjoni Ewropea fit-tariffi tad-dawl. Fil-fatt bejn Diċembru 2009 u Jannar 2010, it-tariffi tad-dawl f’Malta għolew b’29 fil-mija waqt li l-medja Ewropea kienet ta’ wieħed fil-mija. F’sena l-kontijiet żdiedu bi 18 fil-mija, meta 14-il pajjiż ieħor raħħsuhom
Kieku l-prezz taż-żejt kien ir-raġuni vera għaż-żieda fit-tariffi tal-elettriku u l-ilma, kieku l-kontijiet kienu jsegwu dawk ta’ pajjiżi oħrajn. Mhux talli ma ġarax hekk, talli qiegħdin f’sitwazzjoni fejn il-kontijiet li vvota favur tagħhom il-gvern kollu nhar it-Tnejn, huma saħanistra ogħla minn dawk ta’ Ottubru 2008 meta l-prezz taż-żejt kien ferm ogħla mil-lum, għax kien iktar minn $100 l-barmil.
U għandna gvern li ma jafx x’inhu jgħid. Il-Ministru Tonio Fenech kien irrapportat jgħid li għas-sena d-dieħla, il-prezz taż-żejt se jkun bejn $110 u $130. Dan meta fl-istess ħin imbagħad fir-rapport dwar il-programm ta’ stabbilità li ppreżenta lill-Kummissjoni Ewropea, l-istess gvern qal li qed jikkalkula li l-prezz taż-żejt se jkun fil-livell ta’ $80.9. Il-Prim Ministru irid jagħżel jew ċifra jew oħra.
Il-politika tal-gvern qiegħda tkisser in-negozji u l-klassi tan-nofs. Il-kontijiet bit-tariffi l-ġodda, huma ta’ periklu kbir għax-xogħol tant li l-gvern stess qed ibassar aktar qgħad. Aħna tajna lill-gvern għadd ta’ soluzzjonijiet – mal-25 b’kollox fl-aħħar żewġ baġits. B’soluzzjoni waħda b’tibdil fil-kalkolu, il-kontijiet jistgħu jitnaqqsu bi €15-il miljun. Il-Prim Ministru ma mera xejn iżda m’għamel xejn.
Illum għandna gvern li qed jixxaħħaħ mal-familji ħabrieka u man-negozji Maltin u Għawdxin iżda mbagħad għandu flus għall-ħela u t-tberbiq. Insemmi lista sħiħa tal-misthija:- it-Tarzna nbiegħet biċ-ċekċik għal €1.75 miljun fis-sena netti, l-€40 miljun li ntilfu fuq żewġ vapuri, ix-xiri tal-ajruplani RJ 70’s u l-kumpanija Azzurra Air li xorbu mal-€120 miljun mir-riservi tal-Air Malta, il-kummissjoni ta’ €4 miljuni fuq l-estensjoni l-ġdida tal-power station f’Delimara, it-€58 miljun biex inxtrat il-wegħda li saret qabel l-elezzjoni ġenerali fil-qasam tat-trasport pubbliku, il-€21 miljun fuq Dar Malta, il-€160,000 fuq iċ-ċelebrazzjonijiet għall-ftuħ ta’ Pjazza San Ġorġ. Ma’ dawn nista’ nżid il-miljuni f’korruzzjoni tal-VAT li ma nstema’ xejn aktar dwarhom u l-miljuni li l-Prim Ministru jrid jonfoq għall-bini ta’ teatru bla saqaf fejn kien hemm it-Teatru Rjal.
Nhar it-Tnejn fil-Parla- ment tajna l-opportunità lill-gvern biex jibdel id-direzzjoni. Lawrence Gonzi ma ħax din l-opportunità iżda baqa’ jwebbes rasu. L-unika opportunità issa hija dik tal-poplu li jbiddel il-gvern kollu kemm hu f’elezzjoni ġenerali.